Fond għall-Ħarsien tal-Annimali
Il-Fond għall-Ħarsien tal-Annimali se jagħmel użu minn €80,000 biex jgħin finanzjarjament lil għaqdiet volontarji li jaħdmu fis-settur tal-ħarsien tal-annimali. Dan il-fond huwa maħsub l-aktar għal xelters għall-annimali, NGOs, u gruppi oħra li joffru servizz ta’ ħarsien għall-annimali. Dan il-fond huwa maħsub biex iġib titjib fil-mod ta’ kif jinżammu jew jiġu kkurati l-annimali, kif ukoll iħeġġeġ għal aktar kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fis-settur.
Il-fond hu maħsub biex jimplimenta d-Direttiva EM11.36 tal-UE. L-għajnuna finanzjarja tingħata skont dawn it-tliet kriterji prinċipali:
- titjib f’servizzi ta’ kenn għall-annimali, inkluż tisbiħ u titjib tal-faċilitajiet, forniment ta’ strutturi ġodda għall-akkomodazzjoni tal-annimali, titjib fil-bini, titjib fit-tagħmir skont standards approvati f’konformità mar-regoli rilevanti tal-UE u lokali;
- spejjeż relatati ma’ medikazzjoni, ikel, u trasport;
- programmi ta’ tiswija ta’ qtates u klieb tat-triq.
Oqsma rilevanti oħra jistgħu jiġu kkunsidrati bl-approvazzjoni tas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali fuq rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Fond għall-Ħarsien tal-Annimali.