Ir-Rimi ta’ Mediċini Veterinarji
Introduzzjoni
Hemm żewġ tipi ta’ skart li huma ġġenerati mill-partijiet interessati involuti fl-industrija tal-prodotti mediċinali veterinarji, jiġifieri dak li ġej direttament minn prodotti mediċinali veterinarji u dak mill-ippakkjar tiegħu. Dak derivat direttament minn prodott mediċinali veterinarju jikkonsisti fi prodotti mediċinali veterinarji mhux użati, mhux adattati jew skaduti bħal kapsuli, trab u qtar. F’din it-taqsima dan huwa deskritt bħala ‘Skart Farmaċewtiku Veterinarju’. It-tip l-ieħor ta’skart huwa l-materjal derivat minn ippakkjar użat u jikkonsisti prinċipalment minn kartun u plastik. Dan normalment huwa kklassifikat bħala materjal riċiklabbli wkoll.
Skart Veterinarju Farmaċewtiku
Kemm l-industrija kif ukoll individwi privati jistgħu jiġġeneraw kwantità ta’ skart veterinarju farmaċewtiku li jista’ jkun perikoluż għall-ambjent u/jew għas-saħħa tal-annimali u dik umana jekk ma jintremewx skont il-proċeduri proprji.
Pereżempju, ir-rimi mhux xieraq ta’ prodotti mediċinali veterinarji antimikrobiċi jew prodotti mill-annimali jew prodotti sekondarji li fihom l- antimikrobiċi jista’ jikkontribwixxi għall-problema tar-reżistenza antimikrobika. Għalhekk, ġew stabbiliti sistemi biex jiġi evitat rimi mhux sikur.
Il-‘Prinċipju tas-Saħħa Waħda’ (One Health Principle) jenfasizza l-fatt li s-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent huma interrelatati u ma jistgħux jiġu separati. Kull ħaġa li taffettwa lil wieħed se jaffettwa lill-ieħor.
Għandhom jiġu kkunsidrati kwalunkwe miżura ta’ prekawzjoni u ta’ sigurtà jew indikazzjoni ta’ riskji potenzjali, li jkunu speċifikati fuq il-prodott li minnhom ikun inħoloq l-iskart.
L-iskart farmaċewtiku jista’ jiġi subdiviż fi tliet tipi ta’ skart Farmaċewtiku. Kull tip għandu jintrema b’mod differenti.
- Ammont żgħir ta’ skart farmaċewtiku (mhux ċitotossiku) ġġenerat l-aktar minn individwi privati, mhux kummerċjali.
- Kwantità kbira ta’ skart farmaċewtiku (mhux ċitotossiku) ġġenerat l-aktar minn entitajiet kummerċjali jew governattivi, e.ż. raħħala, spiżeriji veterinarji, bejjiegħa bl-ingrossa ta’ prodotti veterinarji, fabbirki ta’ għalf medikat, veterinarji jew ċentri ta’ riċerka.
- Skart Farmaċewtiku ‘cytotoxic’
Proċedura għar-Rimi ta’ Kwantità Żgħira ta’ Skart Farmaċewtiku
Kulħadd jista’ jiddisponi minn prodotti mediċinali veterinarji qodma, mhux użati, mhux mixtieqa jew skaduti f’kontenituri tal-iskart iddisinjati apposta li jinsabu fl-ispiżeriji veterinarji liċenzjati kollha. Il-prodotti mediċinali veterinarji li jistgħu jintremew b’dan il-mod huma pilloli u kapsuli maħlula jew ippakkjati, mediċini bbottiljati u tubi tal-krema mediċinali.
Qabel ma jintrema, l-ippakkjar ta’ barra, il-fuljetti tal-pakkett, u kwalunkwe tappijiet tal-plastik, tazzi jew mgħaref għandhom jitneħħew. Dawn għandhom jintremew fil-borża griża tar-riċiklaġġ.
Fliexken vojta tal-mediċina tal-ħġieġ għandhom jintremew fil-bins tal-ħġieġ.
L-Iskema mhix maħsuba għall-iskart industrijali.
Prodotti mediċinali veterinarji qodma, mhux użati, mhux mixtieqa jew skaduti jistgħu wkoll jintremew f’ ‘Civic Waste Amenity Sites’ li jinsabu f’diversi partijiet tal-gżejjer Maltin. Il-produttur tal-iskart għandu jikkuntattja lill-persunal magħżul minn dawn is-siti għal aktar informazzjoni dwar il-kwantitajiet li jitħallew jintremew f’dawn is-siti.
Proċedura għar-Rimi ta’ Kwantità Kbira ta’ Skart Farmaċewtiku
L-iskart farmaċewtiku għandu jgħaddi mill-‘Proċedura ta’ Aċċettazzjoni tal-Iskart’ u l-produttur tal-iskart għandu jagħmel kuntatt mall-uffiċjali inkarigati responsabbli minnu fil-Faċilità ta’ Trattament Termiku tal-Wasteserv qabel l-iskart jittieħed f’din il-faċilità.
Proċedura għar-Rimi ta’ Skart Farmaċewtiku Ċitotossiku
La s-Siti għall-Ġbir ta’ Skart Ċiviku u lanqas il-Wasteserv m’għandhom il-faċilitajiet li jaċċettaw skart ċitotossiku. Għaldaqstant, it-tali skart ma jistax jintrema f’dawn is-siti.
Madanakollu, hemm brokers tal-iskart li jistgħu jkunu lliċenzjati biex jesportaw dan l-iskart. Produtturi tal-Iskart għandhom jagħmlu kuntatt mal-WasteServ għal aktar informazzjoni.
Materjal Riċiklabbli minn Materjal tal-Ippakkjar
Importaturi ta’ oġġetti għandhom jirriċiklaw ċertu persentaġġ ta’ materjal tal-ippakkjar sabiex ikunu kompjaċenti mal-leġiżlazzjoni kurrenti A.L. 98 tal-2004. Għandu jiġi enfasizzat li l-kumpaniji li jingħataw il-kuntratt biex joffru dan is-servizz jistgħu ma jkunux l-istess kumpaniji li huma rreġistrati bħala brokers tal-iskart jew trasportaturi tal-iskart.